FAQs – Regolamenti tal-2024 dwar Tibdil jew Tneħħija ta’ Kondizzjoni Imposta f’Kuntratt ta’ Proprjetà li kienet Trasferita mill-Gvern, l-Awtorità tal-Artijiet jew Entitajiet Ekklesjastiċi permezz ta’ Bejgħ jew Enfitewsi.
Avviz Legali 196 tal-2024 – 23 ta’ Awwissu 2024
Min jikkwalifika ghall din l-iSkema?
Kwalunkwe persuna li għandha titolu ta’ akkwist permezz ta’ att pubbliku, jew enfitewsi fuq proprjetà li tkun għaddiet lill-applikant mill-Gvern jew l-Awtorità, jew minn enti ekklesjastiku, li sussegwentament għadda t-titolu lill-Gvern, kemm jekk ġiet reġistrata f’isem il-Gvern jew għandha tiġi reġistrata f’isem il-Gvern, tista’, għajr għal dak li previst fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-regolamenti, titlob lill-Awtorità li tbiddel jew tneħħi kondizzjoni imposta fil-kuntratt oriġinali:
Iżda kwalunkwe bidla u,jew rexxissjoni tal-kondizzjoni tista’ biss issir wara l-aċċettazzjoni bil-miktub ta’ tali bidla mill-Awtorità;
Iżda wkoll li l-ebda bidla jew it-tneħħija ta’ kondizzjoni ma għandha tkun permissibbli għal kondizzjonijiet ewlenin ta’ kwalunkwe kuntratt;
Iżda wkoll li l-parti li tkun akkwistat art tal-gvern permezz ta’ kuntratt li jirriżulta minn reżoluzzjoni Parlamentari, jew minn tender, jew minn proċeduri ta’ tender, jew minn irkant ma għandux ikun eleġibbli sabiex japplika skont dawn ir-regolamenti.
Min hu eligibbli sabiex japplika taht din l-iSkema?
L-applikant għandu jkun rikonoxxut mill-Awtorità bħala sid jew iċ-ċenswalist tal-art jew tal-bini: iżda fil-każ ta’ enfitewsi, l-applikant għandu jagħti prova li ma hemmx arretrati ta’ ħlasijiet ta’ ċens dovuti lill-Awtorità fuq il-proprjetà li dwarha tiġi sottomessa l-applikazzjoni skont dawn ir-regolamenti.
X’inhuma d-drittijiet relatati ma zoni li ma jaqbzux l-1,500m2?
Id-drittijiet relatati ma’ siti b’kejl li ma jaqbiżx l-elf u ħames mitt metru kwadru (1,500m2) huma ndikati fis-sussewgwenti skeda:
Impronta | 1m² – 300m² | 301m² – 600m² | 601m² – 900m² | 901m² – 1200m² | 1201m² – 1500m² |
Bidla jew tneħħija ta’ kondizzjoni minuri* | €2,500 | €5,000 | €7,500 | €10,000 | €12,500 |
Bidla jew tneħħija ta’ kondizzjoni medja* | €5,000 | €10,000 | €15,000 | €20,000 | €25,000 |
Bidla jew tneħħija ta’ kondizzjoni maġġuri* | €10,000 | €20,000 | €30,000 | €40,000 | €50,000 |
X’inhuma d-drittijiet relatati ma zoni li jaqbzu l-1,500m2?
Il-valur għat-tneħħija ta’ kondizzjoni relatati ma’ siti b’kejl li jaqbeż l-elf u ħames mitt metru kwadru (1,500m2) għandu jkun stabbilit minn Perit maħtur mill-Awtorità, liema stima għandha ssir skont l-artikolu 79 tal-Att u għandha tirrifletti l-valur frank u ħieles tal-art fil-jum tal-applikazzjoni, fejn l-ispejjeż kollha relatati mal-valutazzjoni għandhom jiġu kkalkulati skont l-artikolu 79(5) tal-Att u għandhom jiġu mġarrba mill-applikant.
L-ammont pagabbli mill-applikant għat-tneħħija ta’ kondizzjoni ta’ livell ta’ importanza minuri kif determinat mill-Awtorità għandu jkun ekwivalenti għal tnejn punt ħamsa fil-mija (2.5%) tal-valur determinat mill-Perit, iżda qatt ma jista’ jkun inqas minn tnax-il elf u ħames mitt euro (€12,500):
L-ammont pagabbli mill-applikant għat-tneħħija ta’ kondizzjoni ta’ livell ta’ importanza medja kif determinat mill-Awtorità għandu jkun ekwivalenti għal ħamsa fil-mija (5%) tal-valur determinat mill-Perit, iżda qatt ma jista’ jkun inqas minn ħamsa u għoxrin elf euro (€25,000):
L-ammont pagabbli mill-applikant għat-tneħħija ta’ kundizzjoni ta’ livell ta’ importanza maġġuri kif determinat mill-Awtorità għandu jkun ekwivalenti għal għaxra fil-mija (10%) tal-valur determinat mill-Perit, iżda qatt ma jista’ jkun inqas minn ħamsin elf euro (€50,000):
X’ser jigri f’kaz ta kondizzjoni rilevanti li diga’ qeghda tinkiser?
Jekk waqt il-verifika tal-applikazzjoni, il-kondizzjoni rilevanti jirriżulta li diġà qegħda tiġi miksura, l-applikant għandu jeħel penali amministrativa li għandha tkun ekwivalenti għal ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) tal-valur determinat fl-iskeda u l-hlasijiet deskritti hawn fuq.
Fil-kaz ta’ applikazzjoni li s-sit in kwistjoni jifforma parti minn sit b’iktar minn sid wiehed, l-applikant ser jigi mitlub ihallas il-penali kollha?
Fic-cirkostanzi li applikazzjoni għat-tneħħija ta’ kondizzjoni titressaq minn sid u/jew ċenswalist rikonoxxut ta’ unità, li tifforma parti minn żvilupp eżistenti ta’ bini b’ħafna sulari li nbena fuq sit li huwa marbut b’kondizzjoni kuntrattwali speċifika, l-Awtorità għandha titlob ħlas mill-applikant f’ammont ekwivalenti għas-somma totali pagabbli kif maqsuma bin-numru ta’ unitajiet mibnija fuqha fil-jum tal-applikazzjoni.
Hemm xi hlas dovut ma’ kull applikazzjoni li tigi sottomessa lill-Awtorita’ tal-Artijiet?
Ma’ kull applikazzjoni għandu jsir ħlas fl-ammont ta’ ħames mitt euro (€500) onlajn waqt il-process ta sottomissjoni.