Mistoqsijiet Komuni (FAQs)
Regolamenti tal-2024, Għoti ta’ Konċessjoni Enfitewtika Temporanja liċ-Ċenswalist, Inkwilin jew Operatur ta’ Proprjetà Kummerċjali tal-Gvern
Avviż Legali 131/2024 – 4 ta’ Ġunju 2024
Min hu eliġibbli biex jibbenefika minn din l-iskema?
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità minn applikant li għandu kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
- konċessjoni enfitewtika valida rikonoxxuta mill-awtorità;
- kirja kummerċjali valida mogħtija mill-awtorità;
- ftehim operazzjonali mal-inkwilin li għadu għaddej li jawtorizzah sabiex jopera proprjetà kummerċjali u d-dikjarazzjoni speċifikata fis-subregolament (3) tal-Avviż Legali;
- titolu validu ta’ casa bottega rikonoxxut mill-awtorità qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti.
Liema klassijiet ta’ proprjetajiet huma rikonoxxuti bħala proprjetajiet kummerċjali għall-iskopijiet ta’ dawn ir-regolamenti?
(a) Klassi 2B – Istituzzjonijiet Mhux Residenzjali;
(b) Klassi 2C – Edukazzjoni;
(c) Klassi 3A – Guest Houses, Palazzini, Akkomodazzjoni għal Turiżmu Boutique u Hostels;
(d) Klassi 3B – Lukandi;
(e) Klassi 4A – Uffiċċji Finanzjarji, Professjonali u Oħrajn;
(f) Klassi 4B – Bejgħ bl-Imnut;
(g) Klassi 4C – Stabbilimenti tal-Ikel u Xorb fejn tisjir mhux permess;
(h) Klassi 4D – Stabbilimenti tal-Ikel u Xorb fejn tisjir hu permess;
(i) Klassi 5A – Industrija Ħafifa;
(j) Klassi 6A – Ħażna u Distribuzzjoni.
Liema użi għandhom jitqiesu għall-iskopijiet ta’ dawn ir-regolamenti?
(a) ċentru jew arcade tad-divertiment;
(b) sala taż-żfin jew tat-tiġijiet;
(c) diskoteka jew postijiet simili ta’ ġabra;
(d) negozju ta’ taxi, kiri ta’ vetturi bil-mutur jew public service garage, bejgħ jew wiri ta’ vetturi bil-mutur;
(e) skola tal-għadds, u, jew acqua lung fillers;
(f) take-aways tal-ikel, inkluż pastizzerija;
(g) ħasil jew tindif ta’ ħwejjeġ jew drappijiet, jew permezz ta’ coin jew credit machines, jew ġewwa bini fejn l-oġġetti għall-ħasil jew tindif jinġiebu direttament mill-pubbliku nnifsu;
(h) forn;
(i) ċentru għall-konferenzi jew għal-laqgħat tal-pubbliku;
(j) supermarkets;
(k) swali għal-logħob tat-tombla, każinò, ħwienet tal-logħob, ħwienet tal-imħatri (esklużi l-uffiċini tal-lottu);
(l) ħwienet illi jbiegħu l-armi tan-nar.
Kemm hu twil it-terminu ta’ kull konċessjoni enfitewtika?
Jekk l-applikanti kollha jissodisfaw il-kriterji skont l-Avviż Legali 131/2004, it-terminu tal-konċessjoni enfitewtika l-ġdida tkun għal perjodu ta’ ħamsin (50) sena. Iċ-ċens annwali jiżdied kull għaxar (10) snin bir-rata tal-imgħax sempliċi ta’ għaxra fil-mija (10%) ikkalkulata fuq iċ-ċens attwali.
Il-ftehim tal-kirja tiegħi skada qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali. Nista’ napplika għal din l-iskema?
Kirjiet skaduti, jiġifieri kirjiet li skadew qabel il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali 131/2024 ma jikkwalifikawx għal din l-iskema.
Liema proprjetajiet huma esklużi minn dawn ir-regolamenti?
- Gabbani għajr dawk il-proprjetajiet li jikkonsistu fi struttura mibnija b’mod permanenti li għandha użu ta’ Klassi 4Ċ u 4D kif elenkat fl-Ewwel Skeda, koperti b’permess għall-iżvilupp jew liċenzja skont il-każ u li kienu diġà operattivi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att;
- Tarznari tad-dgħajjes, għajr dawk il-proprjetajiet b’użu rikonoxxut skont wieħed mill-użi elenkati fl-Ewwel Skeda, koperti b’permess għall-iżvilupp jew liċenzja skont il-każ, u li kienu diġà operattivi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att;
- Propjetajiet Skedati, għajr dawk il-proprjetajiet b’użu rikonoxxut skont wieħed mill-użi elenkati fl-Ewwel Skeda, koperti b’permess għall-iżvilupp jew liċenzja skont il-każ: Iżda l-għoti tal-konċessjoni taħt dawn ir-regolamenti għal tali proprjetajiet skedati għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi tal- Awtorità wara li jkun ġie stabbilit li l-għoti tal-konċessjoni ma jkun tal-ebda detriment għall-livell ta’ skedar tal-proprjetà;
- Propjetajiet li m’humiex fl-intier tagħhom tal-Gvern u li ma kinux reġistrati bħala tali;
- Propjetajiet oriġinarjament konċessi bis-saħħa ta’ Rizoluzzjoni Speċjali tal-Kamra tad-Deputati.
Konċessjonijiet approvati jistgħu jiġu mikrija lil partijiet terzi?
Iċ-ċenswalist jista’ jikri l-proprjetà lil terzi soġġett għal awtorizzazzjoni bil-miktub
mill-awtorità u soġġett għall-ħlas ta’ dritt amministrattiv ekwivalenti għal ħamsin fil-mija (50%) taċ-ċens stabbilit mill-awtorità.
Kif se jiġi kkalkulat iċ-ċens annwali?
Kull stima fir-rigward ta’ dawn ir-regolamenti għandha tkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-artikolu 79 tal-Att. Fil-każijiet kollha, l-istima li titwettaq għandha tqis il-valuri tas-suq tal-proprjetà fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, filwaqt li tqis il-kundizzjoni tal-proprjetà, inkluż kwalunkwe titjib li jkun sar mill-inkwilin. Iċ-ċens applikabbli għandu jkun valur ekwivalenti għal tnejn fil-mija (2%) tal-valur frank u ħieles kif determinat mill-istima.
X’inhu l-proċess biex applikazzjoni tiġi vvalidata?
Kwalunkwe applikazzjoni sottomessa lill-awtorità għandha titqies valida biss wara li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti neċessarji kollha elenkati fil-formola ta’ applikazzjoni. L-awtorità għandu jkollha d-dritt li titlob kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni oħra li tqis neċessarja biex tipproċessa l-applikazzjoni.
L-awtorità għandu jkollha d-dritt li tissospendi, u fejn tqis li huwa neċessarju, tiċħad kwalunkwe applikazzjoni sottomessa skont dawn ir-regolamenti fejn jirriżulta li hemm sfida legali fir-rigward tal-proprjetà li hija relatata magħha l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ applikazzjoni rtirata fi kwalunkwe stadju tal-proċess qabel il-finalizzazzjoni tal-proċess tal-applikazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-att, il-miżati u l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Awtorità għandhom jitħallsu mill-applikant u l-applikant ma jkunx intitolat għall-ebda rimborż ta’ ħlasijiet magħmula b’relazzjoni mal-applikazzjoni.
X’jiġri jekk applikant imut matul il-proċess tal-applikazzjoni?
Wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni, ma jkun hemm l-ebda bidla fl-applikant sakemm ma jirriżultax minn dikjarazzjoni causa mortis li d-drittijiet għal dik il-proprjetà, li hija s-suġġett tal-applikazzjoni, ikunu ġew ittrasferiti lill-persuna li tkun qed titlob tali bidla.
Miżati tal-Applikazzjoni
L-applikazzjonijiet kollha huma suġġetti għal miżata ta’ sottomissjoni inizjali mhux rimborżabbli ta’ elf u ħames mitt euro (€1500). Applikazzjonijiet għal proprjetajiet b’impronta li taqbeż erja ta’ elf u ħames mitt metru kwadru (1500sqm) għandhom ikunu suġġetti għal miżata addizzjonali ta’ euro (€1) għal kull metru kwadru sa massimu ta’ ħamest elef euro (€5000). Il-miżati mhumiex rimborżabbli. Għaldaqstant l-applikanti għandhom jistudjaw il-kriterji mitluba fl-Avviż Legali 131/2024.
L-applikazzjoni tista’ tinstab permezz tal-link ipprovduta hawn taħt:
https://onlineportal.landsauthority.org.mt/Application/GLA30