Mistoqsijiet Komuni (FAQs)
A.L. 161 tal-2023 – Regolamenti dwar Konċessjonijiet Enfitewtiċi li Skadew jew li ser Jiskadu – data effettiva l-14 ta’ Lulju 2023
Jien interessat(a) li napplika għal din l-Iskema. Kif nista’ napplika?

Tista’ tapplika għal din l-iskema billi tissottometti l-applikazzjoni tiegħek permezz tas-sit web tagħna www.landsauthority.org.mt / Servizzi / Formoli ta’ Applikazzjoni Online / L-Applikazzjonijiet GLA29 jiġu aċċettati biss jekk jiġu sottomessi permezz tal-portal tagħna. Ma hemmx miżati applikabbli għal din l-applikazzjoni.

Jien diġà ssottomettejt l-applikazzjoni tiegħi biex ikun rikonoxxut(a) bħala ċenswalist mal-awtorità iżda s’issa għadni ma rċevejtx l-ittra ta’ rikonoxximent uffiċjali. Nista’ napplika għal din l-iskema?

Iva, tista’ tapplika għal din l-Iskema. Fuq il-formola indikata online (GLA29), tista’ ttella’ d-dokumentazzjoni relattiva li kienet diġà ġiet sottomessa mal-applikazzjoni tiegħek għar-rikonoxximent (eżempju: ittra ta’ konferma ta’ riċevuta).

Jien m’inix iċ-ċenswalist rikonoxxut mal-Awtorità tal-Artijiet fuq il-proprjetà tiegħi u qatt ma ssottomettejt applikazzjoni s’issa. Nista’ napplika?

Iva, tista’ tapplika għal din l-Iskema billi timla t-Taqsima tad-Dettalji dwar Enfitewsi mhux Rikonoxxuta fl-istess applikazzjoni online.

Iċ-ċens temporanju impost fuq il-proprjetà tiegħi skada qabel id-data effettiva ta’ dan l-avviż legali. Nista’ napplika?

Tista’ tapplika għal estensjoni ta’ terminu ta’ 50 sena fi żmien 3 snin mid-data effettiva ta’ dan l-avviż legali, jiġifieri sat-13 ta’ Lulju 2026. Applikazzjonijiet għal ċnus li skadew qabel l-14 ta’ Lulju 2023 sottomessi wara t-13 ta’ Lulju 2026 ma jiġux aċċettati.

Iċ-ċens temporanju impost fuq il-proprjetà tiegħi jiskadi wara l-31 ta’ Diċembru 2030. Nista’ napplika għal din l-iskema?

Le. Din l-applikazzjoni hija applikabbli biss għal proprjetajiet b’enfitewsi temporanju li ser jiskadi sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Iċ-ċens temporanju impost fuq il-proprjetà tiegħi jiskadi wara d-data effettiva ta’ din l-iskema, jiġifieri l-14 ta’ Lulju 2023. Nista’ napplika?

Iva, tista’ tissottometti l-applikazzjoni tiegħek qabel l-iskadenza tal-enfitewsi fuq il-proprjetà tiegħek, sakemm id-data ta’ skadenza hija qabel il-31 ta’ Diċembru 2030. Huwa importanti li tapplika qabel ma jiskadi ċ-ċens, inkella l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.
Għaldaqstant huwa importanti li tapplika qabel id-data ta’ skadenza taċ-ċens.

Għal kemm-il sena jista’ jiġi estiż enfitewsi permezz ta’ din l-Iskema?

Applikazzjoni għall-estensjoni taċ-ċnus permezz ta’ din l-iskema hija għal 50 sena

Għandi proprjetà b’enfitewsi temporanju li ngħatat lili permezz ta’ riżoluzzjoni speċjali tal-Kamra tad-Deputati. Nista’ napplika?

Le. Konċessjonijiet enfitewtiċi mogħtija b’riżoluzzjoni speċjali tal-Kamra tad-Deputati mhumiex eliġibbli f’din l-iskema

Il-proprjetà inkwistjoni għandha konċessjoni enfitewtika temporanja, mogħtija għal skop residenzjali jew kummerċjali, u li skadiet/se tiskadi, u l-erja tas-sit taqbeż l-1,500m2. Nista’ napplika?

Le. Din l-iskema ma tapplikax għal proprjetajiet residenzjali u kummerċjali li oriġinarjament ingħataw konċessjonijiet enfitewtiċi temporanji jekk l-erja tas-sit taqbeż l-1,500m2.

L-erja tas-sit tal-art agrikola/rurali li għandha enfitewsi temporanju, li skada/se jiskadi, taqbeż l-1,500m2. L-iskema tapplika għal din il-proprjetà?

Iva, sakemm li l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji l-oħrajn kollha stabbiliti fl-iskema.

Iċ-ċens temporanju fuq l-art rurali/agrikoli li għandi mhux f’Żona tal-Iżvilupp. Nista’ napplika?

Iva, int eliġibbli biex tapplika f’din l-iskema fejn l-applikant jista’ jingħata kirja agrikola wara l-iskadenza tal-enfitewsi temporanju.

Jien għandi gabbana li għandha enfitewsi temporanju, li skada/se jiskadi. Nista’ napplika?

Le. Din l-iskema mhix applikabbli għall-Gabbani.

Iċ-ċens temporanju impost fuq il-proprjetà tiegħi li se jiskadi kien ingħata wara sejħa għall-offerti. Nista’ napplika?

Le. Din l-iskema mhix applikabbli għal proprjetajiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għall-offerti pubbliċi.

Iċ-ċens temporanju impost fuq l-art agrikola/rurali mogħtija lili li skada/se jiskadi huwa inkluż f’Żona tal-Iżvilupp skont il-pjanijiet lokali approvati mill-Att dwar l-Ippjanar għall-Iżvilupp. Nista’ napplika?

Le. Din l-iskema mhix applikabbli għal art agrikola/rurali li hija inkluża f’Żona tal-Iżvilupp skont Pjan tal-Iżvilupp approvat.

L-applikazzjoni li ssottomettejt ma ġietx aċċettata mill-Awtorità tal-Artijiet. Kif inressaq l-ilment tiegħi?

Il-konsulent legali tiegħek jista’ jressaq l-oġġezzjoni tiegħek għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva fil-Qrati tal-Liġi fi żmien 20 jum mid-data tal-avviż taċ-ċaħda.